X'nistudja fil-Malti?

Il-korsijiet kemm fil-livell Intermedju kif ukoll f’dak Avvanzat, ikopru f’5 komponenti ewlenin:  

  • L-oral: ħiliet kif wieħed jesprimi ruħu sew bil-Malti f’kuntest ta’ diskussjoni.   Intom tiġu mistiedna biex tipparteċipaw bil-fomm waqt il-lezzjonijiet skont dak li jkun qed jiġi diskuss. (Il-kors jalloka ħinijiet formali fit-taħriġ tal-Oral, partikolarment fit-tutorials).
  • L-ortografija: peress li s-sillabu qed ikun esiġenti, kif inhu xieraq, fuq l-importanza ta’ ortografija korretta, waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-kors f’kull livell hija li intom ikollkom għarfien sod tal-ortografija. Għal dan l-iskop fit-tutorials tingħata importanza speċjali fit-taħriġ sistematiku tal-ortografija u l-grammatika.   
  • Il-lingwistika: taħriġ fil-ħila li intom tagħrfu b’mod xjentifiku l-istruttura, l-istorja u n-natura tal-lingwa Maltija. 
  • Il-letteratura: apprezzament tal-letteratura u analiżi kritika tagħha. 
  • Il-Qari u l-Kitba Prattika (Intermedju), Il-Qari (Avvanzat): taħriġ (a) fil-ħiliet ta’ kitba argumentattiva (b) fil-ħiliet li intom mhux biss tifhmu imma tkunu kapaċi f’għamla ta’ taqsira tidentifikaw il-punti ewlenin ta’ silta mogħtija. 

Fil-każ tal-livell ordinarju (ĊES), il-kors huwa ddisinjat taħt format ta’ reviżjoni, u għalhekk huwa mistenni li intom diġà jkollkom għarfien tal-materjal mitlub mis-sillabu.  

Kif se nibbenefika mit-tagħlim tal-Malti?

L-iskop ewlieni tal-korsijiet li d-Dipartiment tal-Malti joffri fil-livell postsekondarju huwa qabel xejn li jħarreġ lilkom biex tilħqu l-livelli mixtieqa kif indikat fis-sillabu maħruġ mill-Università ta’ Malta. Permezz ta’ sistema kontinwa ta’ assessjar, testijiet u eżami finali mifruxa fuq ħames terms, intom mistennija li tkomplu tiżviluppaw il-ħiliet immirati kemm f’dak li huwa fehim kif ukoll fl-espressjoni ta’ ideat u kunċetti kurrenti. Dan jitlob li fl-aħħar tal-kors, intom tkunu kapaċi tesprimu ruħkom b’mod kunfidenti, ċar u preċiż kemm bil-fomm kif ukoll bil-kitba, mhux biss f’kuntest ta’ eżami imma fl-aħħar mill-aħħar anke f’kuntest ta’ soċjetà li qed toffri sfidi kbar lil-lingwa materna. 

Bħala prinċipju ġenerali, l-assessjar ta’ kull assenjament li jingħata huwa ggwidat mill-iskema tal-marki pprovduta mis-sillabu. Dan jiggarantixxi li bejn wieħed u ieħor ikollkom idea tal-livell ta’ għarfien li tkunu wasaltu fih. Barra minn hekk, fl-aħħar ta’ kull term, tirċievu rapport dettaljat ta’ kull marka li ngħatat għal kull komponent, kemm waqt il-lezzjonijiet kif ukoll fit-tutorials.  

X'kotba u/jew riżorsi għandi bżonn?

Livell Avvanzat

Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel ta’ Oliver Friggieri; ISBN 978999 0911701 

Xi Drabi Mqar Persuna ta’ Simon Galea; ISBN 9789993277262 

Karnival ta’ Francis Ebejer; ISBN  978-99932-7-725-5 

Ħelsien  ta’ Ġuże Bonnici; ISBN 9789993217626 

Xemgħat ta’ Trevor Zahra; ISBN 9789990916874 

Livell Intermedju 

Ħelsien  ta’ Ġuże Bonnici; ISBN 9789993217626 

Xi Drabi Mqar Persuna ta’ Simon Galea; ISBN 9789993277262 

Livell ĊES 

Bejn Ħaltejn; ISBN 978-99909-44-46-4 

Tista' tistudja l-Malti f'dawn il-livelli:

Livell Avvanzat

Kwalifiki meħtieġa

Minimu ta’ grad 5 fil-livell ĊES
(MQF Livell 3)

Tul tal-kors

Sentejn

Lezzjonijiet

5 lezzjonijiet fil-ġimgħa

Prattiku/Tutorial

Tutorial fil-ġimgħa

Livell Intermedju

Kwalifiki meħtieġa

Preferibbilment Minimu ta’ grad 5 fil-livell ĊES
(MQF Livell 3 )

Tul tal-kors

Sentejn

Lezzjonijiet

3 lezzjonijiet fil-ġimgħa

Prattiku/Tutorial

N/A

ĊES

Kwalifiki meħtieġa

Preferibbilment il-kors
tas-Sekondarja

Tul tal-kors

Sena

Lezzjonijiet

3 lezzjonijiet fil-ġimgħa

Prattiku/Tutorial

N/A